Ilbieraħ ingħatat l-aħħar tislima lil Anna
Stellini, ħaddiema tad-Dar tal-Providenza għal dawn l-aħħar 11-il sena.
Aħna tkellimna ma’ Fr Martin Micallef,
id-Direttur tal-Providenza, li jiddeskrivi lil Anna bħala mara b’valuri li
kienu jidentifikawha. “Kienet mara tal-familja, ħabbrieka, dedikata u kellha
mħabba kbira lejn ir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Minkejja l-marda kiefra
li ħakmitha f’dawn l-aħħar 3 snin, dejjem baqgħet mara pożittiva u bi tbissima
li tagħmillek kuraġġ. It-tbissima u l-memorja tagħha se tibqa’ f’qalbna.”
Fl-omelija li saret waqt il-funeral tagħha,
Fr Martin irrakkonta x-xewqa li kellha Anna, dik li tara l-Madonna. “Xi ħmistax
ilu, meta Anna kienet qed tħoss li kien qed joqrob il-mument meta kellha
tgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, mort naraha u fost oħrajn
qaltli, ‘Ma kellix il-grazzja li mmur Fatima nara l-Madonna imma issa se mmur
naraha wiċċ imb wiċċ.’ U dak il-ħin talbet lil żewġha jġibilha l-kuruna li
tatha Evelyn, omm ir-raġel ta’ oħtha, biex iżżommha f’idejha.”
“Kienet tant devota lejn Marija li bintha
Marilyn ilbieraħ qaltli li kienet ix-xewqa ta’ ommha li fuq is-santa tal-mewt
tagħha barra l-istampa ta’ Patri Piju, xtaqet ukoll l-istampa tal-Madonna ta’
Pinu li min jaf kemm talbitha.”
Fr Martin xebbah il-figura ta’ Marija ma’ dik
ta’ Anna, li bħalha kienet mara ta’ fidi li dejjem qalet iva lill-Mulej, bħalha
kienet qaddejja tal-Mulej u tal-oħrajn, li bħalha kienet omm li batiet imma
baqgħet soda, bħalha kienet mara ta’ gratitudni u bħalha kienet mara għaqlija.
Fost l-oħrajn, Fr Martin qal li qabel ma mietet
qaltlu li qatt ma għamlet deni lil ħadd. “Qabel mietet qaltli, ‘Fr qatt ma
għamilt deni lil ħadd, dejjem ipprovajt ngħin’ u dan jikkonfermah kull min kien
jafha.’ F’dan mument Fr Martin qara
silta mill-ittra li bintha Marilyn kitbet lil ommha wara mewtha.
“F’ħajtek
qatt ma għamilt deni lil ħadd il-għaliex dejjem ippruvajt tfittex is-sabiħ ta’
kull persuna. Bil-qlubija, imħabba u ġenerożità minn dejjem sraqt il-qlub tan-nies għaliex dejjem offrejt lilek innifsek għal
ħaddieħor. Ix-xogħol kien il-passjoni tiegħek u għamilt kull mezz biex tara lil
ħaddieħor bi tbissima.”
“Għaddejna minn ħafna affarijiet f’25 sena fejn għallimtni u wasalt biex
sirt dak li jiena llum. Għalkemm inti ommi, f’ħajti tiswa wisq iktar minn hekk.
Il-bastun tiegħi, l-omm li tajtni mħabba bla kundizzjonijiet, b’ħafna
sagrifiċċji biex tarani fejn wasalt. Dejjem għallimtni nkun determinata, ma
nibżax naffaċċja l-ħajja, u għal dan nirringrazzjak.”
Fost oħrajn, Fr Martin temm jgħid: “Ġesù
jgħidilna, ‘Żommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal
nies qegħdin jistennew ’il sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u
jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li sidhom, meta jiġi,
isibhom jishru! Anna int żgur waħda minnhom. Kompli tbissmilna mis-sema sakemm
niġu ħdejk.”
No comments:
Post a Comment