
Wara Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa, ħafna kkummentaw fuq Emma, l-Ingliż u l-Malti.
Għaldaqstant, Peppi ħass li għandu jwieġeb għal dawn il-kummenti. Dan hu dak li għandu xi jgħid:
"Wara li l-Ġimgħa għamilna programm ma' Emma, fejn ma tkellimtx b'xi Malti perfett u għamilna blog ċkejken li fih urejna kemm tfixklet meta intervistajnieha l-Italja, il-midja soċjali nfaqa' b'ħafna nies jgħajruha għax Emma ma tafx titkellem b'Malti sewwa."
"L-ewwel punt: Kieku tkunu tafu din it-tfajla mill-qrib tindunaw kemm hi tfajla umli, kemm ma kibritilhiex rasha għax għamlet suċċess internazzjonali, u kemm għandha familja mimlija għożżha."
"Punt ieħor: Imma possibbli sirna naqbdu u nibagħtu dawn il-messaġġi mimlija tgħajjir u nkissru lin-nies? Hekk spiċċajna?"
"It-tielet: Ma jmissniex ninkwetaw għax Emma ma tafx bil-Malti u taf bl-Ingliż, imma jmissna ninkwetaw għax hawn ħafna żgħażagħ li ma jafux bl-Ingliż. Din mhux kwistjoni ta' patrijottiżmu imma kwistjoni ta' bżonn. F'Malta għandna bżonn li n-nies ikunu jafu l-ewwel u qabel kollox jitkellmu bl-Ingliż u mbagħad jalla jkunu jafu bil-Malti wkoll. Imma bl-Ingliż għandna problema. Li qed nissuġġerixxi jiena, u li sa fejn naf jien jaqbel miegħi l-Ministru tal-Edukazzjoni, huwa li l-lezzjonijiet fl-iskola, barra tal-Malti u forsi tar-reliġjon, għandhom ikunu bl-Ingliż."
"Għala? Hawn diskriminazzjoni. Mela inti għandek lil min għandu l-ġenituri tiegħu illi jafu bl-Ingliż, ikellmuhom bl-Ingliż, u jitgħallmu sew bl-Ingliż. Imbagħad imorru l-iskola, ikellmuhom bil-Malti u jitgħallmu sew bil-Malti. U x'jiġri minn dawn li l-ġenituri tagħhom li lanqas jafu kelma bl-Ingliż, fejn id-dar ikellmuhom bil-Malti, imorru l-iskola jitgħallmu bil-Malti? Aħna għandna bżonn li n-nies ikunu jafu bl-Ingliż. Min jaf kemm kien hemm tfal li marru jagħmlu eżami fejn kienu jafu s-somma imma l-Ingliż tal-problem ma fehmuhx. Tafu li ħafna mill-interviews, anke f'Malta, isiru bl-Ingliż? Taħseb li se jimpjegawk għax taf fejn hi l-akka u fejn hi l-għajn? Mela allura, minflok ninkwetaw li Emma ma tafx biżżejjed il-Malti, ejjew ninkwetaw li ħafna żgħażagħ ma jafux bl-Ingliż."
No comments:
Post a Comment