Dan Anthony Galea. Xjentist, lekċerer tal-physics fl-Universita' ta' Malta u b'kapaċità straordinarja biex jikkomunika u jfiehem kunċetti kkumplikati bl-aktar mod sempliċi permezz tal-użu ta' oġġetti li nużaw ta' kuljum.
Bl-abbiltà tiegħu li jdawwar kunċett xjentifiku kkumplikat f'xow ħelu, Anthony jirnexxilu jiġbed l-attenzjoni ta' dawk kollha li jkunu qed jarawh, anki jekk ix-xjenza ma tkunx il-forte tagħhom. Fil-filmat t'hawn taħt Anthony jidher qed jieħu sehem f'kompetizzjoni organizzata minn Famelab International fejn kellu jispjega kunċett xjentifiku fi 3 minuti biss. Hawnhekk Anthony uża barmil taż-żibel biex jispjega l-kunċett tal-wing tip vortices, jiġifieri spjega r-raġuni għalfejn ċertu ajruplani jkollhom it-tarf tal-ġwejnaħ imdawrin 'il fuq.
Anthony ħa sehem fil-kompetizzjoni ta' Famelab International, wara li ntgħazel minn fost 8 Maltin biex imur fl-Ingilterra biex jagħmel xow xjentifiku fejn fih jagħti spjegazzjoni ta' kunċett ikkumplikat fi 3 minuti.
Ftit qabel tela' l-Ingilterra għal din il-kompetizzjoni, f'Malta saret kompetizzjoni oħra, din id-darba tal-public speaking bl-isem ta' JCI National Public Speaking Competition 2018. Din il-kompetizzjoni kienet organizzata mill-JCI (Junior chamber international), mill-ESU (English Speaking Union) u mill-KNŻ (Kunsill Nazzjonali għaż-żagħżagħ). Anthony ħa sehem f'din il-kompetizzjoni u rebaħ u b'hekk tela' f'Riga l-Latvia biex jirrappreżenta lil Malta fil-JCI European Conference. Għal din il-kompetizzjoni kien hemm 10 parteċipanti minn madwar l-Ewropa u kollha kellhom jagħmlu speech li ddum bejn 5 u 7 minuti. Għas-semifinali kull parteċipant kellu madwar 10 ijiem biex jipprepara speech imdawra mat-tema provduta; 'Sustainable transport is essential to achieving most, if not all, of the proposed Sustainable Development Goals’.
Anthony flimkien mad-9 parteċipanti l-oħra.
Anthony ipprepara speech dwar kif l-ajruplani jużaw il-winglets fit-tarf tal-ġewnaħ biex inaqqsu mill-konsum tal-fuel. Permezz ta' din l-ispeech Anthony għadda mis-semifinali għall-finali, imbagħad kellu biss ftit jiem sakemm jipprepara speech oħra ta' bejn 5 u 7 minuti, din id-darba mdawra ma' tema ġdida; ‘To successfully achieve the Global Goals for Sustainable Development by 2030, young people must increase their role as active citizens in their local communities’.
Waqt il-finali, Anthony tkellem dwar l-istraws tal-plastik u dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jikkontribwixxu sabiex jitnaqqas it-tniġġis bil-plastik fil-baħar. Ara kif Anthony jirnexxilu jħawwar taħdita daqshekk serja bi ftit umoriżmu sabiex jiġbed l-attenzjoni ta' kulħadd:
Għal-lejla fejn tħabbar ir-rebbieħ għall-aqwa speech kien hemm preżenti madwar 1,300 ruħ minn madwar l-Ewropa kollha. Ir-rappreżentant ta' Malta, Anthony, rebaħ il-finali ta' din il-kompetizzjoni prestiġjuża, u fil-filmat t'hawn taħt tista' tara l-mument li fih Anthony tħabbar bħala rebbieħ minn fost l-Ewropej kollha.
Wara din ir-rebħa, il-pass li jmiss hu li issa Anthony Galea jirrappreżenta lill-Ewropa fil-kampjonat dinji li se jsir f'Goa fl-Indja.
F'isem it-tim ta' Xarabank nawguraw lil Anthony kull suċċess.
No comments:
Post a Comment