best deal

Friday, 6 July 2018

"Nixtieq li l-awtoritajiet jgħallmu lir-restoranti dwar tisjir gluten free u mhux jaqtgħulhom qalbhom"

Martha, tfajla coeliac, tgħidilna kif l-awtoritajiet qed jaqtgħu qalb ir-restoranti biex jagħmlu ikel li ma jkollux fih glutina.


Martha ilha 17-il sena coeliac, jiġifieri ma tistax tiekol ikel li fih għandu l-glutina. Għal din il-kundizzjoni m'hemmx kura, ħlief li tagħmel dieta addattata.

Tgħidilna li b'din il-kundizzjoni l-ikel li trid tiekol ma jistax jiġi kkontaminat minn ikel ieħor li jkollu fih il-glutina. "Li tiekol ikel gluten free ma jfissirx li tmur f'restorant, tordna biċċa laħam għax ma fihx glutina, taqbad u tikolha. Trid toqgħod attenta minħabba l-kontaminazzjoni. Eżempju, jekk fuq l-istess grilja li fuqha qed isir il-laħam, qed jixwu biċċa ħobż, hemmhekk il-laħam jiġi kkontaminat bil-glutina li jkun fih il-ħobż. Hemm min ma jiġrilu xejn jekk jiekol il-laħam fejn ikun sar ukoll il-ħobż, u hemm min ibati minn sintomi li tbati minnhom persuna coeliac, u jiena waħda minn dawn il-persuni. Ma nistax niekol ikel li jiġi kkontaminat bil-glutina."

Martha għamlet teżi sħiħa fuq dan is-suġġett b'rabta mal-liġi. U tgħidilna kif fl-2011/12, l-Unjoni Ewropea ħarġet regola li biha kull restorant għandu jittimbra l-allerġens tagħha. Tallega u ssostni li din il-liġi f'Malta mhux qed tiġi regolarizzata u minflok l-awtoritajiet qed iħeġġu lir-restoranti biex ma jagħmlu ikel li ma jkunx fih glutina, billi jgħidulhom jiftħu kċina oħra.

"5 snin ilu ħarġet regolazzjoni tal-Unjoni Ewropea (1169/2011) li f'Malta għadha mhux regolarizzata. Kull ħaġa li għandek tal-ikel trid tittimbra (label) l-allerġens tagħha. Jiġifieri jekk hemm l-ikel li fih il-glutina, il-ħalib u l-ġewż bi dritt trid tniżżilhom fuq il-menù. B'dispjaċir kbir ngħid li din f'Malta mhux f'kull restorant qed issir. Din il-ġimgħa kienu qed iduru tas-sanità, li minflok qed jgħallmuhom lir-restoranti biex jimxu ma' din ir-regola, qed jgħidulhom, jew ikollkom kċina separata jew inkella ma tistgħux tagħmlu iktar ikel li ma fihx glutina."

Għaldaqstant, Martha tistqarr li l-awtoritajiet għandhom jgħallmu lir-restoranti u mhux jaqtgħulhom qalbhom. "L-argument tiegħi huwa dan: Ħafna restoranti m'għandhomx post ieħor li fih jistgħu jagħmlu kċina oħra, m'għandhomx flus, u b'hekk jgħidulek li mhux se jagħmlux ikel li ma fihx glutina. L-unika soluzzjoni li nara hi li r-restoranti jniżżlu kull allerġen biex jimxu mar-regola tal-Unjoni Ewropea, avolja li min ikun coeliac joħroġ jiekol b'riskju għax l-ebda prodott ma jkun mingħajr glutina 100%."

Xarabank se jibgħat lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjent għal reazzjoni fuq dan is-suġġett.

No comments:

Post a Comment